TIFĦIR U KRITIKA
L-istorja tal-Ewropa sawret lil kull wieħed u waħda minna. X'rilevanza għandhom il-memorji tagħna? X'hemm lest għalina fil-ġejjieni? U inti kif se tipparteċipa?
L-EWROPA KIF IĦARSU LEJHA MINN BARRA
Kif tidher l-Ewropa minn barra? L-oġġetti esebiti hawnhekk ġew minn mużewijiet madwar id-dinja u joffru ideat differenti dwar il-perspettiva ta' kulturi oħra fil-konfront tal-Ewropa u l-Ewropej. L-ewwel kuntatt mal-Ewropej sikwit kien iqajjem kurżità. Hekk kif il-pajjiżi Ewropej bdew jimponu d-dominanza tagħhom fuq il-parti l-kbira tad-dinja permezz tal-kolonjaliżmu, l-oppressjoni, il-jasar u l-isfruttament, il-perċezzjonijiet inbidlu. Iżda l-Ewropa kienet ukoll idealizzata minn uħud bħala post ta' kultura raffinata u valuri universali, wirt tal-passat antik tagħha.
Għadd ta' potenzi Ewropej stabbilixxew kumpaniji kummerċjali fil-Lvant Imbiegħed, li fis-seklu 17 l-aktar waħda sinifikanti minnhom kienet id-Dutch East India Company.
Il-kummerċ tal-ilsiera ddomina l-kuntatti bejn l-Ewropa u l-Afrika bejn l-1500 u l-1800. Rappreżentazzjonijiet Afrikani bikrin ta' negozjanti u baħħara Portugiżi jgħallmuna ħafna f'dan ir-rigward. Din il-plakka tirrappreżenta individwu Portugiż li qed iġorr xi "manillas" – brazzuletti li kienu l-munita standard għax-xiri tal-ilsiera.
Matul is-seklu 19, ħafna Amerikani għonja kienu jagħmlu l-vjaġġ magħruf bħala l-"Grand Tour" tal-Ewropa. Il-fdalijiet klassiċi, l-opri tal-arti tar-Rinaxximent u l-pajsaġġi romantiċi sawru l-immaġinazzjonijiet tagħhom dwar l-Ewropa. Il-vjaġġaturi kienu jikkummissjonaw jew inkella jibagħtu lejn pajjiżhom souvenirs speċjali, li xi drabi kienu jkunu ta' sofistikazzjoni jew skala notevoli.
TIFĦIR U KRITIKA
Fl-2012, l-Unjoni Ewropea tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi għall-kontribut tagħha fil-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa għal aktar minn sittin sena. Minkejja dan, għadd ta' dimostranti jikkritikaw il-premju fil-kuntest tat-tbatija ekonomika estrema għal miljuni ta' ċittadini tal-UE, u jesprimu dubji dwar ir-rwol tagħha fil-futur.
Il-premju jingħata lit-tliet Presidenti tal-UE waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nobel għall-Paċi nhar l-10 ta' Diċembru 2012 f'Oslo. Il-fatt li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern ta' pajjiżi li kienu għedewwa għal sekli sħaħ laqgħu l-premju flimkien huwa simboliku ħafna.
L-Ewropa tiffaċċja żminijiet inċerti minħabba problemi kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fil-fruntieri tagħha. Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jersqu aktar lejn xulxin, jew, bil-maqlub, l-istat nazzjon se jerġa' jakkwista l-poter li tilef? Tista' l-Unjoni Ewropea tkompli tikber? Il-fruntieri huma definittivi, jew se jkomplu jinbidlu?
Il-kriżi tad-dejn sovran, l-impatt tal-miżuri ta' awsterità u s-salvataġġi kontroversjali jitfgħu l-Unjoni Ewropea f'waħda mill-aktar dilemmi serji sa mill-ħolqien tagħha. Dawn il-miżuri kienu tentattivi biex tiġi salvagwardata l-Unjoni Monetarja bejn ekonomiji nazzjonali differenti ħafna minn xulxin. Il-kriżi Griega tal-2015 kważi twassal għax-xoljiment taż-żona tal-ewro.
BRUSSELL: KAPITALI TINBIDEL
Brussell qatt ma kienet prevista li ssir il-kapitali tal-Ewropa, iżda dan seħħ pjuttost b'kumbinazzjoni u mhux għax kien ippjanat hekk. Issa hija kapitali għal erba' darbiet: tal-Ewropa, il-Belġju, ir-Reġjun Fjamming u r-Reġjun ta' Brussell.