L-EWROPA LLUM
S'issa staqsejna: "X'inhuma l-elementi ewlenin tal-kultura Ewropea?" u "Xi tfisser li tkun Ewropew?"
Dawn il-mistoqsijiet huma marbuta mal-passat, il-preżent u l-futur tagħna.
Issa mixjin lejn it-taqsima "L-Ewropa llum", li tirrifletti l-istorja ta' dawn l-aħħar snin. L-oġġetti murija jinkorporaw l-isfidi, il-kunflitti u l-opportunitajiet attwali, li għal darb'oħra jippermettulna naħsbu dwar il-valuri ewlenin tal-Ewropa.
L-AĦBARIJIET EWLENIN TA' ŻMIENNA I
Join us on a multilingual tour through the new 6th floor space of our permanent exhibition - entitled ‘Europe Now’. Explore the many challenges facing Europe today – climate change, its colonial heritage, Brexit and the Covid pandemic, to name but a few.
Il-Premju Nobel għall-Paċi
Fl-2012, l-Unjoni Ewropea ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi. Il-Kumitat tal-Premju Nobel irrikonoxxa l-kisbiet li għamlet l-UE fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-benessri soċjali.
Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea għaddiet minn sensiela ta' kriżijiet li poġġewha taħt pressjoni konsiderevoli.
Kwistjonijiet ekonomiċi u monetarji, il-kriżi tal-migrazzjoni, it-terroriżmu, il-Brexit u avvenimenti drammatiċi oħra ta' żmienna juru kemm huma fraġli u konfliġġenti r-realtajiet attwali.
It-tibdil fil-klima
It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-akbar sfidi ta' żminijietna; theddida propju għall-ġejjieni ta' ħajjitna fid-dinja. It-tisħin globali magħmul mill-bniedem, ikkawżat mill-emissjonijiet eċċessivi ta' CO2 u t-tniġġis industrijali, qed jeqred ekosistemi sħaħ u qed jagħmel l-istil ta' ħajja tagħna insostenibbli.
"Fridays for Future", inizjattiva mnedija mill-attivista żagħżugħa Żvediża Greta Thunberg, qabdet sew fid-dinja kollha, u l-istudenti qed jitolbu bidla ekoloġika radikali.
Għaż-żgħażagħ ta' 15-il sena tal-lum, it-tibdil fil-klima huwa theddida tanġibbli għall-prospetti futuri tagħhom.
Il-Brexit
Għall-ewwel darba fl-istorja, Stat Membru ddeċieda li jitlaq mill-UE.
Wara r-riżultat ta' referendum diviżiv, ir-Renju Unit skatta l-Artikolu 50 tat-Trattat ta' Lisbona, li ta bidu għall-ħruġ tiegħu mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020 wara 47 sena ta' sħubija.
Simbolu ta' dan il-mument storiku kien il-waqt meta l-bandiera tar-Renju Unit tneħħiet minn barra l-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell u żdiedet mal-kollezzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea.
Il-wirt kolonjali
Għal sekli sħaħ, il-ħakma kolonjali tal-Ewropa fuq territorji u reġjuni vasti fid-dinja kollha ġabet ġid u riżorsi lejn l-Ewropa filwaqt li ħalliet lill-popolazzjonijiet lokali oppressi u mfaqqra.
L-iskultura ta' Niyi Olagunju tesprimi s-sens ta' telf ta' identità li jirriżulta mill-esperjenza trawmatika tal-kolonjaliżmu. Oġġetti li jġorru tifsira spiritwali, reliġjuża, soċjali jew soċjetali spiċċaw għall-wiri f'mużewijiet Ewropej. Dan it-tip ta' approprjazzjoni u assimilazzjoni tal-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet Afrikani jkisser it-tifsira oriġinali tal-oġġetti u jittraduċi ruħu fl-ineżistenza ta' għeruq storiċi.
Xi pajjiżi Ewropej bdew jinvestigaw il-kollezzjonijiet tal-mużewijiet tagħhom fost appelli biex oġġetti bi storja dubjuża jintraddu lura.
L-AĦBARIJIET EWLENIN TA' ŻMIENNA II
Audio guide:
Il-gwerer
Il-Gwerra tal-Kosovo, li ntemmet fl-1999, kienet l-aħħar kunflitt armat tal-aktar seklu vjolenti fl-istorja tal-Ewropa. Madankollu, it-tama li atroċitajiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jsiru ma twettqitx. Xi ex-repubbliki Sovjetiċi sfaw vittmi tal-aspirazzjonijiet ġeopolitiċi tal-ġara tagħhom, ir-Russja. It-tensjonijiet armati reġjonali u l-"kunflitti ffriżati" huma parti mir-realtà attwali tal-Ewropa. Il-popolazzjoni ċivili fil-Georgia u l-Ukrajna esperjenzat azzjonijiet militari u atroċitajiet. L-Ewropej f'dawn il-pajjiżi għaddew minn trawmi li affettwawlhom ħajithom kollha u ħafna tilfu ħajjithom jew djarhom.
Żoni li m'għadhomx fuq quddiem nett tal-kunflitt għadhom perikolużi minħabba mini moħbija fl-art u munizzjon mhux splodut.
Il-pandemija
Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltà tal-umanità u kienet mument ta' prova għas-solidarjetà Ewropea.
Fil-bidu tal-pandemija, il-pajjiżi Ewropej irreaġixxew individwalment billi għalqu l-fruntieri, illimitaw il-libertà tal-ivvjaġġar u naqqsu l-libertajiet ċivili. Il-kritiċi jibżgħu li, fit-tul, il-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti.
Iżda qalb dik l-avversità kollha, tfaċċat mewġa ta' solidarjetà fost iċ-ċittadini ordinarji. Sadattant, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ngħaqdu u qablu fuq programm ta' rkupru bla preċedent imfassal b'tali mod li jingħata appoġġ lill-aktar soċjetajiet u ekonomiji li ntlaqtu mill-pandemija.
Ir-rivoluzzjoni diġitali
It-teknoloġiji l-ġodda qed ibiddlu radikalment il-mod kif ngħixu, nikkomunikaw u ninteraġixxu ma' xulxin. Id-dinja qed issir aktar interkonnessa, u qed toffri ħafna opportunitajiet iżda qiegħda wkoll toħloq riskji ġodda.
Id-data saret titqies bħala "ż-żejt il-ġdid" u, b'hekk, il-privatezza diġitali saret waħda mill-akbar sfidi ta' żminijietna. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar l-imġiba, il-ħsibijiet u x-xewqat tagħna jippermetti lill-kumpaniji jinfluwenzawna u jimmanipulawlna ħajjitna u l-għażliet li nagħmlu. Għodod ta' komunikazzjoni ġodda issa wittew it-triq għal sorveljanza estensiva u għat-tixrid rapidu tad-diżinformazzjoni.
Mingħajr ma lanqas biss nindunaw, il-proċess demokratiku ta' soċjetajiet sħaħ jista' jiddgħajjef u ċ-ċittadini jistgħu jitilfu l-libertà tal-għażla.
It-terroriżmu
It-terroriżmu huwa theddida għas-sigurtà u l-ordni demokratiku tal-Ewropa u sar parti minn fenomenu globali fis-soċjetà tal-lum. L-attakki terroristiċi Iżlamiċi jew tal-lemin estrem madwar l-Ewropa huma espressjoni vjolenti ta' ideat li jikkuntrastaw b'mod qawwi mal-valuri tad-diversità u l-pluraliżmu.
Ideoloġiji estremi spiss isibu l-ispirazzjoni tagħhom f'ideoloġiji li jħarsu lejn il-passat jew fil-fundamentaliżmu reliġjuż.
Fid-dawl ta' tali mibegħda u vjolenza, iċ-ċittadini rreaġixxew malajr bis-solidarjetà u b'appelli għal aċċettazzjoni reċiproka u paċi.
NINTRAĊĊA L-EWROPA TIEGĦI
Audio guide:
Nintraċċa l-Ewropa tiegħi
Immappja l-konnessjonijiet tiegħek ma' postijiet fl-Ewropa u lil hinn minnha bħala parti minn dan l-esperiment kollaborattiv ta' mmappjar.
VORTIĊI TAL-ISTORJA
Audio guide:
Il-vortiċi tal-istorja
Din l-iskultura li tiddomina t-taraġ ċentrali tal-mużew tikkonsisti f'27 kwotazzjoni storika li jirrappreżentaw it-tibdil kontinwu fl-interpretazzjoni tal-istorja Ewropea.
L-EWROPA MILL-AJRU
Audio guide:
Pajsaġġi Ewropej
Meta tarahom mill-għoli, il-meded tal-art Ewropej jiżvelaw elementi tal-istorja minn perspettiva ġdida. Il-pajsaġġi tal-Ewropa huma primarjament kulturali u fihom il-marki ta' attività tal-bniedem għat-tajjeb u għall-ħażin. L-istorja wasslet għal varjetà notevoli, li turi xebh u differenzi sorprendenti.
VEDUTI FUQ L-EWROPA
Audio guide:
My House of European History
My House of European History huwa proġett kollaborattiv uniku li jinkorpora testimonjanzi personali dwar l-Ewropa. L-istejjer huma mqassmin f'perjodi ta' żmien, u kull waħda għandha l-lokalizzazzjoni ġeografika tagħha. Biex tiskopri dawn l-istejjer tista' tuża l-mappa interattiva. Tista' wkoll tirreġistra biex tikkontribwixxi l-memorja Ewropea tiegħek u taqsamha ma' ħaddieħor.