JITFARRKU Ċ-ĊERTEZZI
L-ekonomiji b'saħħithom ta' wara l-gwerra jibdew jitriegħdu. Ir-reġimi komunisti jħabbtu wiċċhom ma' problemi sistemiċi u nuqqas ta' leġittimità soċjopolitika. Il-globalizzazzjoni u tmiem il-Gwerra l-Bierda jħaffu l-pass tal-integrazzjoni Ewropea.
TMIEM IL-PERJODU TA' PROSPERITÀ
Fl-1973 il-prezz taż-żejt sploda b'70%, hekk kif il-pajjiżi produtturi Għarab appartenenti għall-kartell tal-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt (OPEC) għollew il-prezzijiet tagħhom b'erba' darbiet. L-effett indirett kien ta' kriżi fl-enerġija u reċessjoni f'livell mondjali, li ġabu fi tmiemu l-perjodu ta' prosperità tal-Ewropa.
L-Ewropa tal-Punent rat it-teorija tagħha ta' tkabbir bla limitu ttir mar-riħ, u l-industriji tradizzjonali bħal dawk tal-azzar u tal-minjieri bdew sejrin lura, filwaqt li tfaċċaw setturi teknoloġiċi u ekonomiċi ġodda. Il-pajjiżi tal-Punent issa kellhom iħabbtu wiċċhom mar-realtajiet ħorox ta' livell baxx ta' tkabbir, inflazzjoni u qgħad fuq skala kbira.
Il-kriżi tal-enerġija affettwat direttament il-ħajja ta' kuljum tan-nies, u dan ġiegħel lill-parti l-kbira tal-gvernijiet tal-Ewropa tal-Punent jieħdu azzjoni. Ġew organizzati kampanji kontra l-ħela, u s-sewqan nhar ta' Ħadd ġie pprojbit biex ma jinħeliex fjuwil. Il-kriżi ħarġet fil-beraħ kemm l-ekonomiji tal-Punent kienu jiddependu mill-enerġija importata.
Ir-reċessjoni kienet qed tipperikola l-koeżjoni soċjali, hekk kif żdied il-qgħad u miegħu żdiedu l-esklużjoni u l-aljenazzjoni. Fl-1978 ittieħdet azzjoni koordinata meta diversi trejdjunjins organizzaw l-ewwel Mixja Ewropea kontra l-Qgħad, li fiha taw sinjal tal-Ewropizzazzjoni tal-isfidi trejdjunjonistiċi u l-għarfien tal-interessi transnazzjonali.
'L-aħħar karru faħam' jissimbolizza t-tmiem gradwali tal-industrija peżanti li kienet ilha stabbilita ż-żmien fl-Ewropa kapitalista. Dik li darba kienet il-protagonista tal-perjodu ta' prosperità tal-Ewropa ta' wara l-gwerra, sas-sebgħinijiet kienet bil-mod il-mod ħalliet postha lill-industriji ta' kompetituri internazzjonali orħos bħat-Tajwan, il-Korea t'Isfel u l-Brażil. Il-pajjiżi Ewropej bdew jirrikorru għall-enerġija nukleari sabiex isiru jiddependu inqas miż-żejt minn barra.
ID-DEMOKRATIZZAZZJONI TAL-EWROPA TAL-PUNENT
Imnebbħa mir-'rivoluzzjonijiet' tal-istudenti tal-aħħar tas-sittinijiet, il-ġenerazzjoni l-ġdida riedet il-bidla u kienet lesta tiġġieled għaliha. Imxebbgħin mill-attitudnijiet il-qodma u l-mod ta' kif kienu jsiru l-affarijiet fid-deċennji ta' qabel, issa bdew jitolbu aktar drittijiet individwali u opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-politika.
Il-Greċja, Spanja u l-Portugall kollha għexu l-kollass tad-dittatorjati tagħhom bejn l-1974 u l-1975. Minkejja li l-avvenimenti nfushom kienu differenti f'kull pajjiż, ilkoll ġarrbu instabbiltà politika, kriżi ekonomika u wirt storiku doloruż fi triqthom lejn id-demokrazija. Eventwalment huma ngħaqdu mal-Komunità Ewropea.
Kulma jmur in-nisa bdew jagħmlu enfasi fuq l-inugwaljanza bejn is-sessi tul is-sebgħinijiet. Waqt li l-parti l-kbira kellhom id-dritt tal-vot, xorta waħda kienu jesperjenzaw diskriminazzjoni u libertajiet ristretti fil-ħajja pubblika u privata. Il-femminiżmu tfaċċa bħala forza attiva bit-tama li ttemm id-dominanza patriarkali u toħloq soċjetajiet verament indaqs.
Fl-1974, kolp ta' stat militari neħħa d-dittatorjat li kien qed jikkmanda fil-Portugall. Uffiċjali tal-armata b'rieda li jintroduċu riformi demokratiċi u ekonomiċi u jibdew il-proċess ta' dekolonizzazzjoni rebħu, gradwalment, l-appoġġ tal-pubbliku Portugiż. Din ir-"Rivoluzzjoni tal-Qronfol", kif saret magħrufa minħabba l-fjuri mqiegħda fl-armi tas-suldati, kienet fil-parti l-kbira paċifika, u poġġiet lill-pajjiż fit-triq lejn id-demokrazija.
Tfaċċaw movimenti soċjali ġodda, u l-Ewropej tal-Punent niżlu fit-toroq jimmarċjaw bi strixxuni favur l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-ġeneru u tal-LGBT, kwistjonijiet ambjentali u kampanji għall-paċi. Dawn l-ilħna semmgħu d-dubji serji tagħhom dwar kif u jekk id-demokrazija parlamentari setgħetx taqdi l-ħtiġijiet tagħhom.
IL-KOMUNIŻMU TAĦT PRESSJONI
Il-kontradizzjonijiet bejn il-propaganda komunista u r-realtajiet tal-ħajja ta' kuljum tan-nies bdew isiru dejjem aktar ovvji fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. L-istaġnar ekonomiku ħa post it-tkabbir mgħaġġel li kien hemm qabel, u l-pajjiżi sfaw mikulin bid-dejn.
Sa tmiem it-tmeninijiet, in-nuqqas ta' ikel, is-sorveljanza kostanti, iċ-ċensura, ir-restrizzjonijiet u saħansitra l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar 'il barra mill-blokk Komunista kienu qed jikkawżaw frustrazzjonijiet u tensjonijiet, kultant insopportabbli għall-aħħar, fost iċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Dawn il-frustrazzjonijiet kellu lkoll ikollhom rwol fil-waqgħa tal-Komuniżmu fl-1989.
Il-mexxej Komunista tar-Rumanija, Nicolae Ceausescu, kien jiddeskrivi ż-żmien li għamel jiggverna bħala "epoka tad-deheb". Il-kult tal-personalità li hu u l-uffiċjali tiegħu ħolqu madwaru x'aktarx kien wieħed mill-aktar eċċentriċi tar-reġimi Komunisti kollha. Il-faqar u r-repressjoni li bata l-poplu Rumen taħt Ceausescu kienu fost l-agħar fil-pajjiżi tal-blokk tal-Lvant.
Fit-tmeninijiet żdiedet ir-reżistenza fil-konfront tal-ħakma Komunista fil-Polonja, wara d-diversi rewwixti li kienu bdew il-ħaddiema fil-ħamsinijiet. Ħaddiema tat-tarzna ta' Gdańsk li kienu fuq strajk stabbilixxew trejdjunjin imsejħa Solidarność, li permezz tagħha talbu kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar u riformi politiċi.
Fi ftit xhur, il-popli tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienu taw daqqa qawwija, daqqa li fl-aħħar mill-aħħar kellha tkun fatali, lir-reġimi li kienu ħakmuhom għal għexieren ta' snin. Wieħed wara l-ieħor, ir-reġimi waqgħu bħal dominoes u l-Purtiera tal-Ħadid, simbolu ta' kontinent maqsum, sparixxiet.
L-ISTADJI EWLENIN TAL-INTEGRAZZJONI EWROPEA II
Bdiet tonqos it-tensjoni bejn il-Punent u l-Lvant. Fl-1975, ħamsa u tletin pajjiż, fosthom l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika, iltaqgħu f'Helsinki, il-Finlandja, għall-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
Il-firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Helsinki qablu dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u wiegħdu kooperazzjoni abbażi tar-rikonoxximent tal-prinċipju tan-noninterferenza fl-affarijiet ta' Stati oħrajn. Il-Komunità Ewropea rnexxielha tintroduċi garanziji dwar id-drittijiet tal-bniedem, li aktar tard saru għodda f'idejn id-dissidenti fil-konfront tar-reġim Komunista.
X'inhu s-Suq Uniku? Huwa l-ħolqien ta' żona ekonomika unifikata fejn il-persuni, il-kapital, il-merkanzija u s-servizzi jgawdu minn moviment liberu. Is-Suq Uniku Ewropew kien wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Komunità Ewropea sa mit-twaqqif tagħha.
Din hi l-firma ta' Aldo Moro, Prim Ministru tal-Italja u President tal-Kunsill tal-Komunità Ewropea, fuq id-Dikjarazzjoni ta' Helsinki. Għall-ewwel darba, din il-konferenza kienet tat lill-Komunità Ewropea l-opportunità li titkellem b'leħen wieħed bħala attur diplomatiku ewlieni fix-xena internazzjonali.
L-1979 – okkażjoni storika għal aktar demokrazija fl-Ewropa, bl-organizzazzjoni tal-ewwel elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b'votazzjoni diretta miċ-ċittadini tal-Istati Membri. Min issa 'l quddiem, din l-assemblea importanti ma kinitx se tibqa' tintgħażel mill-parlamenti nazzjonali; issa kienet saret l-ewwel korp internazzjonali elett direttament b'vot universali.
MAPPA ĠDIDA GĦALL-EWROPA
Il-mappa tal-Ewropa reġgħet trasformat ruħha wara l-1989, meta tfaċċaw nazzjonjiet ġodda u tfasslu mill-ġdid fruntieri antiki.
Ġermanja magħquda mill-ġdid twieldet paċifikament fl-1990 taħt superviżjoni internazzjonali. Madankollu, dan ma kienx il-każ f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja, fejn id-differenzi etniċi, reliġjużi u kulturali wasslu għal gwerer ċivili u tindif etniku brutali.
Id-dikjarazzjonijiet ta' indipendenza tas-Slovenja u l-Kroazja wasslu għal kunflitt armat, li mbagħad xtered mal-Bożnija-Ħerzegovina, fejn kien hemm ġlied bejn il-gruppi etniċi. Il-ġenoċidju u t-tindif etniku saru marki rappreżentattivi orribbli ta' gwerra li spiċċat fl-1995 bil-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton. Il-President tas-Serbja Milosevic u t-tmexxija militari reġgħu użaw it-tindif etniku fil-Kosovo.
Fit-3 ta' Ottubru 1990, il-Ġermanja reġgħet saret pajjiż wieħed. L-ispinta għar-riunifikazzjoni kibret permezz tal-eżodu kontinwu ta' persuni mil-Lvant għall-Punent wara l-waqgħa tal-ħajt ta' Berlin u r-riżultati tal-elezzjoni ta' dik is-sena, li wrew li ċ-ċittadini kienu favur ir-riunifikazzjoni. It-trattat ta' riunifikazzjoni kien miftiehem man-nazzjonijiet li okkupaw il-pajjiż wara l-gwerra: l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Sovjetika, Franza u l-Gran Brittanja.
L-ISTADJI EWLENIN TAL-INTEGRAZZJONI EWROPEA III
Iridu jew ma jridux, il-modi ta' għajxien tal-Ewropej kulma jmur qed isiru dejjem aktar simili, anke jekk l-identitajiet kulturali differenti tagħhom għadhom ħajjin ħafna... Il-fruntieri miftuħa, iż-żieda fil-mobilità, il-komunikazzjonijiet imtejba, il-liġijiet kondiviżi u l-munita unika lkoll qed ikollhom effett. Nistgħu nsejħulha "Ewropizzazzjoni".
L-Unjoni Ewropea issa hija aktar politikament magħquda minn qatt qabel, iżda fi ħdanha għad hemm ħafna diversità. X'se jġib miegħu l-futur? Se tkompli tikber l-Ewropa? Jew se terġa' titkisser? It-twemmin oriġinali tagħha – fil-paċi u fl-erba' libertajiet – se jirnexxilu jirreżisti?
Għadd ta' politiċi, gruppi tas-soċjetà ċivili u negozji kienu ilhom snin jappellaw għall-ħolqien ta' munita komuni. Sa mill-1969, il-mexxejja Ewropej kienu kkunsidraw unjoni ekonomika u monetarja, u matul is-sittinijiet u s-sebgħinijiet saru dimostrazzjonijiet pubbliċi favur din l-inizjattiva.
Matul it-tieni nofs tas-seklu 20, l-Ewropa nbidlet minn kontinent ta' emigrazzjoni għal wieħed ta' immigrazzjoni. Peress li l-immigrazzjoni legali ġiet ristretta, mit-tmeninijiet 'il quddiem l-immigrazzjoni illegali żdiedet. L-oġġetti li jinġarru lura mill-kurrent lejn il-kosta Tuneżina huma simbolu traġiku tal-qagħda mwiegħra tal-immigranti illegali.
Salvataġġ finanzjarju wieħed wara l-ieħor, aktar responsabbiltà għall-kontribwenti u miżuri ta' awsterità nazzjonali kontroversjali saru test deċiżiv tal-lealtà taċ-ċittadini għall-proġett tal-UE. L-Ewroxettiċiżmu u s-sentimenti kontra l-UE żdiedu; kibru t-tendenzi nazzjonalisti u tal-lemin estrem, u l-bandiera tal-UE ngħatat in-nar f'diversi pajjiżi, inkluż fil-Greċja, l-Ungerija u Spanja.
L-għadd ta' Stati Membri żdied b'aktar mid-doppju wara tmiem il-Gwerra l-Bierda. L-Iżvezja, il-Finlandja u l-Awstrija ssieħbu fl-1995, u warajhom 10 pajjiżi oħra fl-2004. Ir-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu fl-2007, u l-Kroazja fl-2013.
X'inhi l-Ewropizzazzjoni? Din tfisser li l-Istati Membri kollha tal-UE jaċċettaw u jimplimentaw liġijiet komuni, ħaġa li trawwem konverġenza dejjem akbar ta' interessi u punti dejjem akbar ta' xebh. Dawn il-liġijiet, magħrufin bħala l-acquis communautaire, ġew żviluppati fuq diversi għexieren ta' snin, u l-pajjiżi li jissieħbu fl-UE huma obbligati jintegrawhom fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom.
MEMORJA EWROPEA KONDIVIŻA U MAQSUMA
L-Ewropa nbidlet ħafna f'dawn l-aħħar 25 sena, mill-waqgħa tal-Komuniżmu 'l hawn. Arkivji u fajls li darba kienu msakkra nfetħu u xehdu l-esperjenzi u t-tifkiriet ta' nies li kienu mjassra. Dan wassal għal bidla rivoluzzjonarja fl-interpretazzjoni tal-istorja.
Monumenti pubbliċi, imfakar, ismijiet tat-toroq, mużewijiet, u saħansitra kotba tal-iskola kienu u għadhom siti kkontestati fil-proċess tat-tfakkir jew ta' tnessija. Il-mistoqsija 'X'inhi l-memorja Ewropea?' tieħu rilevanza ġdida.
Wara l-1989, in-nies ma baqgħux jaċċettaw aktar il-perspettiva Komunista tal-istorja, li kienet tpinġi lill-Unjoni Sovjetika u lill-Armata l-Ħamra bħala dawk li ħelsu lill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant min-Nazisti. Għal ħafna nies, l-intervent Sovjetiku ma kien xejn għajr invażjoni oħra. Statwi u sinjali tat-toroq li kienu tqiegħdu mill-Komunisti saru s-suġġett ta' dibattitu pubbliku, tneħħew jew saħansitra nqerdu.
Din il-munita tal-ewro turi lil Franc Rozman, Komunista Sloven li ġġieled bi qlubija kontra l-okkupazzjoni Nazista f'pajjiżu. Minquxa maġenb l-istilel tal-UE hemm l-istilla ħamra fuq sidru, simbolu tal-Komuniżmu.
Il-ftuħ ta' fajls u arkivji sigrieti fil-pajjiżi post-Komunisti kien essenzjali biex in-nies ikunu jistgħu jibdew jaċċettaw il-passat Komunista tagħhom. Beda joħroġ fil-beraħ kemm kienu mifruxa l-ispjunaġġ u r-repressjoni min-naħa tal-Istat.