IT-TISWIR TAL-EWROPA
MAPPA GĦALL-EWROPA
L-Ewropa fejn tibda, u fejn tispiċċa? Sa mill-eqdem żminijiet ġiet deskritta bħala entità distinta; imsawra kulturalment u storikament – madankollu ġeografikament, l-Ewropa u l-Asja huma kontinent wieħed.
L-interess Ewropew fil-mapep għandu storja twila u varjata li tmur lura għal żmien il-Griegi u r-Rumani. L-iskoperta ta' rotot bil-baħar lejn l-Ameriki fis-seklu 15 biddlet mhux biss il-perspettiva tal-Ewropej tad-dinja magħrufa iżda anke l-mod ta' kif huma jaraw lilhom infushom.
Ix-xogħlijiet ta' ġeografi tal-qedem bħal Klawdju Tolomew (madwar 90 - madwar 170 EK, jew Era Komuni) jagħtuna ħjiel tad-dinja kif magħrufa ta' dak iż-żmien. Ir-rappreżentazzjonijiet juru biss partijiet mill-Ewropa, l-Asja u l-Afrika ta' Fuq. Bl-użu ta' sistema ta' koordinati, Tolomew immarka postijiet speċifiċi. Il-mapep tiegħu baqgħu l-bażi tal-kartografija Ewropea sa wara s-seklu 15.
Il-mapep li nħolqu matul il-Medju Evu sikwit kienu jissagrifikaw il-preċiżjoni biex jenfasizzaw messaġġi u simboli Kristjani. Fir-Rinaxximent, il-kontinent tal-Ewropa kien rappreżentat bħala l-Verġni Marija: espressjoni tal-identità Kristjana tiegħu.
Il-perspettiva tagħna tad-dinja normalment hija determinata mill-post fejn ngħixu. Il-mapep tad-dinja magħmula barra mill-Ewropa juru dan b'mod verament ċar; il-kontinent f'salt wieħed jidher żgħir u 'l bogħod.
IL-MIT TA' EWROPA
Ewropa, prinċipessa mitika mill-Feniċja (il-Libanu tal-lum) tinħataf mill-alla Grieg Żews, li jidhrilha fis-sura ta' barri abjad. Hu jissaħħar wara s-sbuħija tagħha, u jeħodha fil-gżira ta' Kreta.
L-isem tal-kontinent Ewropew ilu assoċjat ma' dan il-mit minn żmien l-antikità sal-lum. Dan jidher fl-arti, fil-litteratura, fir-reliġjon u fil-politika, fejn l-istorja u l-lingwaġġ figurattiv sikwit jiġu interpretati mill-ġdid biex jirriflettu kwistjonijiet attwali.
Fid-dinja Griega-Rumana, ix-xbieha ta' Ewropa riekba fuq dahar Żews kienet suġġett rikorrenti fix-xogħlijiet taċ-ċeramika, il-pitturi fuq il-ħitan u l-mużajk. L-esportazzjoni ta' vażuni Griegi għenet biex infirex l-għarfien ta' dan il-mit.
Il-mit ta' Ewropa sikwit intuża f'kummenti dwar il-politika Ewropea. Rappreżentazzjonijiet ta' dan it-tip ikopru firxa li tinkludi t-tentattivi ta' pan-Ewropejizzazzjoni fil-bidu tas-seklu 20 sat-terrur u l-vjolenza ta' gwerer qerrieda.
Interpretazzjonijiet aktar riċenti jaraw il-mit ta' Ewropa bħala simbolu tal-integrazzjoni Ewropea. L-immaġni ntużat bħala marka tal-ilma fil-karti tal-flus, kif ukoll f'rappreżentazzjonijiet dwar kwistjonijiet politiċi bħall-kriżi tal-ewro.
WIRT EWROPEW
X'jgħaqqad lill-kontinent flimkien? X'jista' jitqies bħala wirt Ewropew?
L-Ewropa hija aktar mis-somma tal-istorja nazzjonali tal-pajjiżi differenti, iżda hija ċivilizzazzjoni u kultura kkaretterizzata minn tradizzjonijiet u valuri partikolari żviluppati tul l-istorja?
Hemm elementi bażiċi li huma oriġinarjament Ewropej u nfirxu mal-kontinent kollu. Jistgħu dawn jitqiesu bħala l-karatteristiċi li jiddistingwu l-kutura Ewropea? Jekk iva, liema partijiet minn dan il-wirt Ewropew għandna nippreservaw? Xi rridu nbiddlu? X'għandna nikkontestaw?
Mill-oriġini tiegħu fil-Lvant Nofsani, il-Kristjaneżmu nfirex madwar l-Ewropa kollha tant li sar influwenti immens u sar karatteristika li tiddefinixxi ċ-ċiviltà tal-"Punent". Illum, il-valuri, it-tradizzjonijiet u l-kultura tal-Ewropa għadhom jirriflettu dan il-wirt Kristjan twil.
The eighteenth century ‘Age of Enlightenment’ was a watershed in the cultural and political development of Europe. Emphasising the value of reason and rational thinking, it inspired dramatic developments in science, philosophy, society and politics.
Id-demokrazija hi forma ta' ggvernar li tagħti awtodeterminazzjoni liċ-ċittadini, b'mod li d-deċiżjonijiet politiċi jsiru mill-maġġoranza tal-poplu. Kien biss fis-seklu għoxrin li d-demokraziji Ewropej estendew id-dritt tal-vot biex jinkludi ċ-ċittadini adulti kollha.
MEMORJA
Jekk niftakru dak li għaddejna minnu, nistgħu nevitaw li nirrepetu l-iżbalji tal-passat? Il-memorja hija meqjusa essenzjali. Sew għall-individwi u sew għall-gruppi soċjali, il-memorja hija l-bażi tat-tagħlim u tal-għarfien konxju tal-identità tagħhom.
Madankollu, il-memorja hija fenomenu kumpless. Hija selettiva u marbuta b'mod inseparabbli mal-ħila tal-bniedem li jinsa. Il-memorji tagħna huma parti essenzjali mill-istorja u jinfluwenzaw b'mod profond il-preżent u l-futur tagħna. Il-mod kif niftakru l-istess storja jinbidel kontinwament.
Il-memorja hija suġġettiva u influwenzata ħafna miċ-ċirkustanzi. Id-djarju ta' Anne Frank, tfajla Lhudija li kienet qed tistaħba f'Amsterdam matul l-okkupazzjoni Nazista, sar ktieb magħruf mad-dinja kollha. Xhieda bħal din li tippersonalizza l-istorja kultant tista' tgħid aktar dwar l-istorja minn dak li tgħid l-analiżi storjografika.
Il-memorja tiddependi mill-kuntest storiku. Xi drabi tistimola l-vendetta, drabi oħra twitti t-triq għar-rikonċiljazzjoni. Il-mument simboliku ħafna waqt din il-kommemorazzjoni tal-Gwerra l-Kbira fil-preżenza ta' François Mitterrand u Helmut Kohl jirrappreżenta t-tmiem tar-rivalità storika bejn Franza u l-Ġermanja.
Il-memorja tista' tiġi manipulata biex tħassar u timmina. L-"eliminazzjoni" ta' persuni partikolari mill-istorja kienet karatteristika tar-reġimi totalitarji. Meta, wara l-1929, ir-relazzjoni tagħhom ma' Joseph Stalin qraset, Leon Trotsky u Lev Kamenev tneħħew mir-ritratt storiku ta' Lenin waqt li qed jagħmel diskors.