Back to top

IL-BINI MILL-ĠDID TA' KONTINENT MAQSUM

IR-RIKOSTRUZZJONI TAL-EWROPA

Fl-1945 l-Ewropa tinsab ħerba, u l-popli tagħha ma għandhomx biżżejjed ikel, fjuwil u akkomodazzjoni. Hu assolutament meħtieġ li jinħolqu strateġiji għas-sopravivenza, u r-razzjonar tal-gwerra jkompli biex tal-inqas jiġu provduti l-ħtiġijiet bażiċi. Miljuni ta' rifuġjati, eżiljati u persuni spustati, kollha jfittxu l-kenn. L-Ewropa tiddependi fil-biċċa l-kbira mid-dinja ta' barra għall-għajnuna.

IL-GWERRA L-BIERDA

It-tfigħ ta' żewġ bombi atomiċi fuq il-Ġappun fl-1945 ħabbar il-wasla tal-Istati Uniti tal-Amerka bħala potenza dinjija ġdida.

Fl-1949, l-Unjoni Sovjetika kellha tilħaq l-istess status billi hija wkoll żviluppat il-bomba atomika tagħha. Bejn l-1945 u l-1949, infetaħ ħondoq jifred iż-żewġ potenzi li dari kienu Alleati, fuq kull kwistjoni internazzjonali, bl-Istati Uniti tal-Amerka, il-Gran Brittanja u Franza fuq naħa waħda u l-Unjoni Sovjetika fuq l-oħra.

IL-ĦOLQIEN TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, tjiebu b'mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-parti l-kbira tal-Ewropej. It-tkabbir ekonomiku u l-introduzzjoni ta' sistemi tas-siġurtà soċjali ġabu magħhom titjib fil-qasam tad-djar, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali.

Fl-Ewropa tal-Punent, l-ippjanar pubbliku mexa pass pass mar-rikostruzzjoni tas-settur privat. Fl-isfera Komunista, l-ekonomiji ppjanati u mmexxija mill-istat ikkontrollaw ir-riżorsi nazzjonali kollha, bi ndħil diskrezzjonali fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. Id-differenzi bejn l-ekonomija tas-suq u l-ekonomija tal-istat kienu ċarissimi.

L-ISTADJI EWLENIN TAL-INTEGRAZZJONI EWROPEA I

Il-kontroll tal-Unjoni Sovjetika fuq l-Ewropa tal-Lvant u l-impass li nħoloq bejnha u bejn l-Istati Uniti tal-Amerka wara t-Tieni Gwerra Dinjija taw lid-dinja żewġ espressjonijiet ġodda – il-Purtiera tal-Ħadid u l-Gwerra l-Bierda. L-appoġġ tal-Amerka saħħaħ il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-Ewropa tal-Punent.

IL-MEMORJA TAX-SHOAH

Skiet, nuqqas ta' rikonoxximent, repressjoni; dan kien il-mod kif ġie trattat l-Olokawst, jew ix-Shoah, kif jissejjaħ bl-Ebrajk, fil-perjodu ta' wara l-gwerra.

In-nazzjonijiet, iddisprati biex jiġbru lura l-istima tagħhom infushom, warrbu fil-ġenb is-sens ta' ħtija u kompliċità u qagħdu jitħassru lilhom infushom u jiffokaw fuq it-tifkiriet tagħhom tas-sofferenza u t-tbatija.  Ir-realtajiet il-ġodda tal-Gwerra l-Bierda għamluha aktar faċli biex jiġu injorati n-nuqqasijiet tal-imgħoddi.

Illum, madankollu, ir-rikonoxximent ta' dan id-delitt bla paragun kontra l-umanità jinsab fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar memorja Ewropea.