Back to top

L-istrixxuni bil-qawsalla "Kollox se jkun sew"

Fl-Italja, l-aktar pajjiż Ewropew li ntlaqat mill-coronavirus il-ġdid, ftit wara li tħabbar il-lockdown ġenerali (fl-10 ta' Marzu 2020), in-nies bdew iħejju strixxuni bil-qawsalla u b'dan il-messaġġ ottimist: "Andrà tutto bene" (Kollox se jkun sew). Dendluhom mat-twieqi u mal-gallariji, u b'hekk ikkomunikaw ilkoll flimkien filosofija pożittiva quddiem sitwazzjoni diffiċli. Kien ukoll mod kif wieħed seta' jinvolvi l-familja kollha, u fid-disinji jidhru ħafna tpinġijiet magħmula mit-tfal.

Il-qawsalla hi simbolu tal-bnazzi li jiġi wara l-maltemp. Iżda fl-Italja hija meqjusa wkoll simbolu tal-paċi. Il-qawsalla, bil-kelma "pace" (paċi), kienet komuni fit-twieqi matul il-gwerer li kellna dan l-aħħar, pereżempju bħala protesta kontra l-gwerra tal-Iraq fl-2003. Il-qawsalla hija wkoll il-bandiera tal-moviment LGBT. Fil-bandiera tal-paċi, il-kuluri kesħin tal-qawsalla qegħdin fin-naħa ta' fuq; f'tal-LGBT qegħdin bil-kontra. Iżda fil-każ tal-coronavirus, il-qawsalla hija qabelxejn simbolu ta' tama, u r-rappreżentazzjoni tal-qawsalla għandha libertà artistika wiesgħa.

F'ċertu sens, il-qawsalla Taljana tirrifletti l-espressjoni Kantoniża "jiayou" – jiġifieri "taqtax qalbek" – li stajt tara fiċ-Ċina meta faqqgħet il-pandemija.

Il-messaġġ "Andrà tutto bene" nfirex malajr ħafna mal-Italja kollha. Is-slogan sab ruħu fuq materjal ieħor ukoll: bħala post-its, sempliċi biċċiet tal-karti mdendlin mal-bibien tal-ħwienet, jew bħala hashtag. Bħal slogans oħra, pereżempju #iorestoacasa (jien se nibqa' d-dar), qed isir fost l-aktar sekwenzi ta' kliem prominenti assoċjati mal-pandemija tal-coronavirus.

Mill-Italja, il-qawsalla xterdet f'pajjiżi oħra. Fir-Renju Unit, pereżempju, qed issir popolari ħafna, u tpinġijiet kbar tal-qawsalla magħmulin mit-tfal saħansitra dehru fil-messaġġ televiżiv tar-Reġina fil-5 ta' April 2020. Dawn it-tpinġijiet għandhom messaġġi simili ta' kuraġġ u ottimiżmu, kif ukoll ta' appoġġ għall-persunal mediku. Fil-Belġju, diversi inizjattivi segwew dik Taljana u ġew amplifikati fuq il-midja soċjali. Is-slogan ewlieni kien "Tout ira bien", jew "Alles komt goed" bl-Olandiż, dejjem akkumpanjat mill-messaġġ importanti "ibqa' d-dar".

Fir-Rumanija s-slogan huwa "Totul va fi bine", u sab ruħu saħansitra bħala logo, b'qawsalla żgħira, fuq maskri tal-plastik mogħtija b'donazzjoni lit-tobba f'Baia Mare.

Fi ftit kliem, id-disinn tal-qawsalla u s-slogans relatati ssibhom fl-Ewropa kollha. Tista' tgħinna niddokumentaw din l-azzjoni fuq livell Ewropew billi tibgħat ritratti ta' dawn l-istrixxuni u oġġetti oħra simili mill-kontinent kollu, bil-post u d-data, lit-tim tal-kollezzjonijiet tagħna billi tagħfas hawn.

Ritratt: Maskri protettivi fir-Rumanija, Ċentru għar-Riċerka u t-Taħriġ tal-Università tat-Tramuntana, Baia Mare, ir-Rumanija

GALLERY