Back to top

Il-persunal mediku: l-eroj il-ġodda

Sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, il-ħaddiema tas-saħħa kienu fuq quddiem nett. Fl-isptarijiet, u fis-settur tal-kura b'mod ġenerali, ħafna ħaddiema ssagrifikaw ħajjithom għal xogħolhom, ħafna drabi minħabba tagħmir protettiv insuffiċjenti.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-eroj

Huwa għalhekk li l-infermiera, it-tobba u ħaddiema oħra fil-qasam tas-saħħa qed jiġu ċċelebrati bħala "eroj ta' veru" mill-midja, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini. Kuljum, fit-tmienja ta' filgħaxija, il-filmati ta' ċapċip fit-twieqi jew fil-gallariji saru virali f'diversi partijiet tal-Ewropa, u ċertament se jkunu fost l-aktar memorji sinifikanti mir-risposta tal-pubbliku għall-coronavirus.

Iżda din it-turija ta' gratitudni mhijiex biss ġest trivjali. Din kienet parti minn medda ta' azzjonijiet konkreti, li kienet tvarja mit-tħejjija ta' ikliet għall-ħaddiema fl-isptarijiet minn ristoranti Michelin u persuni ordinarji għall-provvista massiċċa spontanja ta' lbies protettiv mediku minn persuni u kumpaniji privati. L-appoġġ simboliku kien viżiv ukoll. Minn strixxuni mdendlin mal-gallariji għal tpinġijiet magħmula mit-tfal u mwaħħlin mat-twieqi, diversi bliet u rħula madwar l-Ewropa wrew bosta testimonjanzi illustrattivi bi kliem ta' ringrazzjament għall-persunal mediku.

L-infermiera u t-tobba huma mpinġija litteralment bħala s-supereroj il-ġodda taż-żminijiet diffiċli li qed ngħixu, bħal fil-pitturi fuq il-ħitan li mlew l-ispazji pubbliċi, pereżempju fil-Polonja u fl-Italja, li mbagħad itteħdulhom ritratti jew ġew iffilmjati mill-midja. Fir-Rumanija, aġenzija tal-komunikazzjoni kellha saħansitra l-idea (li qajmet l-għadab ta' xi mexxejja reliġjużi) li tirrappreżentahom bħala qaddisin u allat, imnebbħa minn diversi ikonografiji reliġjużi.

Biżgħat

Huma x'inhuma, jekk humiex eroj jew qaddisin, il-ħaddiema tas-settur mediku huma wkoll soġġetti għall-biża' u l-isfiduċja. F'diversi pajjiżi Ewropej, il-midja rrappurtat atti ta' diskriminazzjoni jew saħansitra rifjut fil-konfront tal-persunal mediku mill-ġirien, minħabba biża' li jiġu infettati. B'xorti tajba, dawn l-atti sikwit ġew newtralizzati minn testimonjanzi ġodda ta' appoġġ u solidarjetà.

Protesta

Anki jekk kellhom primarjament kliem ta' ringrazzjament għan-nies li tawhom appoġġ permezz ta' diversi azzjonijiet, il-ħaddiema tas-settur mediku pprotestaw ukoll fuq skala kbira ħafna u fil-kontinent kollu kontra n-nuqqas ta' protezzjoni li għamlithom estremament vulnerabbli għall-virus. Imnebbħa minn tabib Franċiż li kien nieda azzjoni simili, tobba Ġermaniżi ppużaw għal ritratti u filmati bla ħwejjeġ, u qalu li l-għera kienet tissimbolizza dan in-nuqqas ta' protezzjoni mill-coronavirus.

Iż-żewġ protesti jidher li jridu jenfasizzaw l-appoġġ għall-ħtieġa kruċjali ta' investiment akbar fit-tul fis-settur pubbliku, li l-kura tas-saħħa hi waħda mill-pilastri tiegħu. Qafas ta' sigurtà soċjali b'saħħtu u sistema ta' kura tas-saħħa soda huma wħud mill-ideat ewlenin tal-Ewropa ta' wara l-gwerra, avolja kien hemm diskrepanzi kbar fl-implimentazzjoni tagħhom bejn pajjiż u ieħor. Tajjeb li noħorġu nċapċpu fit-tmienja, jgħidu xi wħud, iżda m'għandniex ninsew li f'dawn l-aħħar ftit għexieren ta' snin kien hemm tnaqqis drastiku fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Min se jibqa' jagħti appoġġ lill-persunal mediku meta tkun għaddiet il-pandemija?

 

Image credit: “Reconocimiento” (recognition), drawing from the sketchbook “Brief graphic recovery of terms of frequent use during the Sars-Cov-2 epidemic” by Carmela del Casar Ximénez, Spain.

GALLERY