Back to top

STQARRIJIET GĦALL-ISTAMPA

“Fake for Real” – Dar l-Istorja Ewropea tiftaħ wirja temporanja ġdida

24 Ottubru 2020

Dar l-Istorja Ewropea f’Park Leopold fi Brussell qed tiftaħ il-bibien tagħha għal wirja temporanja ġdida, bl-isem “Fake for Real: Ħwejjeġ foloz u falsifikazzjoni matul iż-żminijiet” fl-24 ta’ Ottubru 2020. Il-viżitaturi se jesploraw id-dinja affaxxinanti tal-falsifikazzjonijiet u l-gideb, u se jinġarru malkurrent ta’ narrattiva drammatika li tmur lura għaż-żminijiet tal-qedem u tibqa’ għaddejja sa żminijietna.

Sensiela ta’ mirja mpoġġija bi ħsieb fl-entratura tal-wirja u mogħdija labirintina madwar l-esibiti immedjatament jistabbilixxu t-ton taż-żjara – kif insibu jew naħarbu l-verità? Kif nilagħbu bl-illużjonijiet? Il-viżitaturi huma mistiedna jirriflettu dwar kif jingħad il-gideb, u għal liema skop jingħad. Il-kuratur talwirja, Joanna Urbanek, tispjega: “Irridu nkunu konxji li xi drabi nixtiequ niġu mqarrqa, biex immorru lil hinn mill-eżistenza tagħna ta’ kuljum, biex noħolmu binhar. Huwa uman li nħaddnu ċerti falzitajiet. Iżda dik ittendenza tista’ tiġi sfruttata, u l-konsegwenzi huma enormi.”

Il-wirja fija sitt temi u perkors kronoloġiku, u toffri ‘l fuq minn 200 artefatt notevoli minn madwar l-Ewropa kollha. L-artefatti jvarjaw ħafna, u kull wieħed minnhom jirrakkonta storja konvinċenti ta’ falsifikazzjoni u qerq – mit-traċċi mħassra tal-imperaturi Rumani, il-bijografiji manipulati ta’ qaddisin medjevali, l-istejjer ta’ vjaġġi li qatt ma saru – sa armata falza użata mill-Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija. Jinkludu wkoll dokumenti ta’ importanza kritika fl-istorja tagħna bħad-Donazzjoni ta’ Kostantinu u l-ittri użati biex jakkużaw lil Dreyfus, li kollha juru kif l-emozzjonijiet u t-twemmin personali jista’ jkollhom impatt fuq kif irridu nifhmu d-dinja, jew jirrappreżentawha ħażin b’mod intenzjonat.

Il-komunikazzjoni dwar il-COVID-19 u d-diżinformazzjoni relatata ma’ din il-pandemija huma eżaminati wkoll f’din il-wirja topika u aġġornata. Id-”diżinfodemija” sservi bħala tfakkira f’waqtha li l-veritajiet u l-gideb jiċċirkolaw b’mod kostanti u li l-ħsieb kritiku u l-azzjoni ċivika huma gwardjani siewja kontra l-qerq. L-aħħar taqsima tal-wirja, intitolata “Epoka ta’ Post-Verità?” hija spazju interattiv mimli logħob u videos fejn il-viżitaturi jistgħu jsiru verifikaturi tal-fatti, jiddeċiedu dwar x’jiġi ppubblikat, u jilagħbu b’”filter bubble” innovattiva li tesplora kif taħdem il-media soċjali.

Din il-wirja interessanti hi vjaġġ teatrali tul l-iskopijiet, l-impatt u l-kxif tal-falsifikazzjoni, u tixħet dawl fuq il-passat, il-preżent u l-futur tagħna, bil-kumplessità u l-kontradizzjonijiet kollha tagħhom. Il-wirja se tkun miftuħa mill-24 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2021 f’Dar l-Istorja Ewropea, 135 Rue Belliard, Brussell.