Back to top

Fake for Real: wirja itineranti

DESKRIZZJONI

Wirja ta' Dar l-Istorja Ewropea terħilha għal għonq it-triq: Fake for Real. Ħwejjeġ foloz u falsifikazzjoni matul iż-żminijiet


Il-Griegi tal-Qedem – hekk jgħid il-mit – użaw żiemel tal-injam biex iqarrqu bl-għedewwa tagħhom u jegħlbu l-ħitan ta' Troy. Tul is-sekli – fil-gwerra, fil-politika, fl-ekonomija u fi sferi oħra tal-attività tal-bniedem – il-falsifikazzjoni u l-qerq intużaw biex jiffaċilitaw l-għanijiet ta' min ħoloqhom. "Fake for Real: Ħwejjeġ foloz u falsifikazzjoni matul iż-żminijiet" hija wirja li esplorat dawn it-temi għal aktar minn sena f'Dar l-Istorja Ewropea fi Brussell, fejn hi bbażata. Issa se tibda ddur l-ibliet.

 

Il-wirja tesponi għadd ta' falsifikazzjonijiet tul l-istorja. Tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi storiċi speċifiċi li jispjegaw kif inħolqu, x'interessi kien hemm warajhom, x'wassal għalihom u x'impatt kellhom. Turi wkoll kif, fl-aħħar mill-aħħar, inkixfu. Imqassma kronoloġikament f'sitt temi kbar, Fake for Real fiha aktar minn 50 artifatt mill-kollezzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea. Fiha wkoll films u logħob interattiv.

 

X'naraw?

Kull oġġett esibit jirrakkonta storja ta' falsifikazzjoni u qerq: mill-allegata Donazzjoni ta' Kostantinu u bijografiji manipulati ta' qaddisin Insara medjevali għal opri tal-arti ffalsifikati u kontrafazzjoni ta' oġġetti ta' kuljum. Fil-wirja hemm esibiti firxa wiesgħa ta' oġġetti differenti, opri tal-arti, stampi, u dokumenti storikament importanti, mapep b'territorji immaġinarji, trattati dwar is-sħarijiet u evidenza falza użata biex uffiċjal tal-artillerija Franċiża jiġi akkużat bi spjunaġġ – każ li spiċċa mnaqqax fl-istorja bħala l-famuż każ Dreyfus. L-aħħar taqsima tal-wirja, bit-titlu "L-Era tal-Post-Verità?", hija spazju interattiv b'logħob u filmati fejn il-viżitaturi jistgħu jivverifikaw il-fatti, jiddeċiedu dwar x'jiġi ppubblikat jew iċċensurat u jilagħbu b'"filter bubble" innovattiva li tesplora kif taħdem il-midja soċjali. Il-wirja tintemm bl-"infodemika" attwali marbuta mal-COVID-19, u teżamina d-diżinformazzjoni relatata mal-pandemija. Kull oġġett esibit juri xi ħaġa unika u li tmissek dwar kif nixtiequ nifhmu d-dinja jew kif nirrappreżentawha ħażin deliberatament.

 

L-esperjenza tal-viżitaturi

Il-wirja tħeġġeġ lill-viżitaturi jirriflettu dwar kif jiġi rrakkuntat il-gideb u kif jinħolqu l-falsitajiet u għal liema skop. Tispjega wkoll li bis-saħħa tal-approċċ kritiku, ix-xjenza jew is-sempliċi kurżità, dawn il-falsitajiet fl-aħħar mill-aħħar jinkixfu. Fake for Real toffri perspettiva tat-tifsiriet differenti mogħtija lill-verità, il-gideb u l-provi tul iż-żminijiet.

Ir-raġunijiet, l-istrateġiji u l-għodod użati minn min jiffalsifika u jqarraq joħorġu minn ċirkustanzi politiċi u soċjali speċifiċi. Madankollu, il-predispożizzjoni tal-bniedem biex jemmen il-gideb, kif ukoll l-objettivi wara l-qerq b'ħaddieħor, apparentement huma universali. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku, it-tisħiħ tal-ħsieb kritiku permezz ta' eżempji storiċi u l-għoti ta' ħjiel dwar kif il-viżitatur jista' jindirizza d-diżinformazzjoni fiż-żmien li qed ngħixu fih huma l-għanijiet ewlenin tal-wirja.

 

Min aħna

Dar l-Istorja Ewropea fetħet f'Mejju 2017 fil-kwartier Ewropew ta' Brussell. Il-galleriji tal-wirja permanenti tagħha jdaħħlu lill-viżitaturi fl-istorja tas-sekli dsatax u għoxrin u l-evoluzzjoni tal-integrazzjoni Ewropea. Il-mużew jadotta perspettiva trans-Ewropea li tesplora d-diversità tal-kontinent u l-varjetà fl-interpretazzjonijiet tal-istorja tiegħu. Skopri aktar dwarna u dwar il-wirja Fake for Real fi Brussell.

 

 

Informazzjoni Prattika

Tip ta' wirja: Wirja itineranti narrattiva lesta b'oġġetti mużeali, interattivi u multimedjali
Tip ta' istituzzjoni ospitanti: Mużewijiet jew ċentri b'funzjonijiet mużeali u libreriji

Kundizzjonijiet minimi li jridu jiġu ssodisfati mill-istituzzjoni ospitanti:
• Sieħeb lokali li jitkellem bl-Ingliż
• Persunal adegwat b'ħiliet li jimmaniġġja l-oġġetti esibiti
• Persunal tekniku u edukaturi b'esperjenza biex isiru programmi edukattivi
• Attendenza possibbilment qawwija
Kirja: Il-wirja hija bla ħlas

Tul: 3 xhur (minimu)
Spazju meħtieġ: 300 m² (minimu)
Dati disponibbli: Minn wara Settembru 2023 sa Diċembru 2026
Spejjeż għall-istituzzjoni ospitanti: Trasport f'direzzjoni waħda u assigurazzjoni tal-wirja fil-post, manutenzjoni fuq il-post, kampanja pubbliċitarja lokali, ħżin temporanju, jekk ikun hemm bżonn
Kontribut ta' Dar l-Istorja Ewropea: L-assi fiżiċi kollha meħtieġa: oġġetti esibiti, didaskaliji f'2 jew 3 lingwi (Ingliż + 1 jew 2 lingwi lokali), vetrini, set-works, disinn, tagħmir awdjoviżiv u tad-dawl
Sħubija: Dar l-Istorja Ewropea hija miftuħa għal kull kooperazzjoni li tikkomplementa l-wirja f'termini ta' avvenimenti u wirjiet addizzjonali mal-mużew ospitanti.

 

Kuntatt: Raluca Neamu – Maniġer tal-Proġett, Wirja itineranti / E-mail - Telefon: +32 47 47 01 435