MISSJONI U VIŻJONI
VIŻJONI
Dar l-Istorja Ewropea taspira li ssir il-mużew ta' riferiment dwar il-fenomeni transnazzjonali li sawru l-kontinent tagħna. Hija tinterpreta l-istorja minn perspettiva Ewropea, u b'hekk tgħaqqad u tqabbel l-esperjenzi kondiviżi u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom. L-ambizzjoni tagħha hi li tippromwovi l-għarfien tal-perspettivi transnazzjonali fl-Ewropa kollha.
MISSJONI
Dar l-Istorja Ewropea hija forum ta' tagħlim, riflessjoni u dibattitu, u hija miftuħa għal udjenzi minn kull ġenerazzjoni u sfond. Il-missjoni ewlenija tagħna hi li ntejbu l-għarfien tal-istorja Ewropea fil-kumplessità kollha tagħha, inħeġġu l-qsim tal-ideat u nagħmlu l-mistoqsijiet.
Id-Dar tippreżenta l-istorja tal-Ewropa b'mod li jqajjem kuxjenza dwar il-varjetà ta' perspettivi u interpretazzjonijiet. Tippreserva t-tifkiriet kondiviżi u li jifirdu. Tesibixxi u tiġbor l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea u l-pedamenti tagħha. Dar l-Istorja Ewropea, li hi proġett tal-Parlament Ewropew u tagħmel parti mill-offerta għall-viżitaturi tiegħu, hija indipendenti mil-lat akkademiku.
Il-kollezzjoni transnazzjonali, il-wirjiet u l-programmi tagħna joffru esperjenzi li jissorprenduk u jispirawk. Permezz tas-sensibilizzazzjoni u s-sħubijiet, naspiraw li nsaħħu d-dimensjoni Ewropea fid-dibattiti, il-wirjiet u t-tagħlim dwar l-istorja. Dar l-Istorja Ewropea hija post ta' inkontri u skambju, tinterpreta l-passat minn angoli differenti u tibni pontijiet għall-kwistjonijiet rilevanti għall-Ewropa tal-lum.