Meta l-Ħitan Jitkellmu!
Kartelluni • promozzjoni, propaganda u protesta
30 ta' April 2022 – Novembru 2022
Il-kartellun illustrat twieled fl-Ewropa lejn l-aħħar tas-seklu 19. Huwa riflessjoni ta' dinja dejjem aktar kummerċjalizzata u, aktar tard, ideoloġiji politiċi kunfliġġenti. Bid-daqs u l-preżenza impressjonanti tagħhom, il-kartelluni ddominaw l-ispazju pubbliku u għenu fit-tiswir tal-pajsaġġ urban. Il-kartelluni huma effimeri, prodotti għal mument speċifiku, iżda ħafna elementi huma riċiklati u għandhom riżonanza fil-memorja kulturali tal-lum. Mill-propaganda tal-Gwerer Dinjija u l-Gwerra Bierda sal-isplużjoni tal-iskambji kulturali, it-turiżmu u t-twelid ta' movimenti soċjali pluralisti wara t-Tieni Gwerra Dinjija, f'"When Walls Talk" (Meta l-Ħitan Jitkellmu) joħorġu livelli kumplessi ta' firda u għaqda fl-Ewropa permezz ta' għażla ta' kartelluni mill-kollezzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea. Dawn jirriflettu l-iżvilupp u t-trasformazzjoni tal-isfera pubblika fil-bliet Ewropej, filwaqt li jesploraw il-bidliet sinifikanti fl-istorja tad-disinn tal-kartelluni Ewropej, kif ukoll il-paralleli transnazzjonali, il-korrelazzjonijiet u l-interrelazzjonijiet tagħhom.
Kontenut tal-wirja
It-taqsima Taqlib u għaqda tittraċċa r-rwol tal-kartelluni bħala aġenti u xhieda tal-laqgħat u l-konfrontazzjonijiet ideoloġiċi li sawru l-istorja tal-Ewropa sa mill-Ewwel Gwerra Dinjija. It-titlu huwa referenza għall-antagoniżmu u t-tensjonijiet li fuqhom kienu bbażati t-taqbidiet ideoloġiċi u l-kunflitti armati fl-Ewropa tul is-seklu 20, iżda min-naħa l-oħra jesprimi wkoll ir-rieda ta' kooperazzjoni u progress permezz ta' sforzi paċifiċi u reċiproċi.
It-taqsima li jmiss, Ostakli u konnessjonijiet, teżamina n-natura doppja tal-fruntieri, il-fatt li dawn jistgħu jkunu ostakli kemm fiżiċi kif ukoll kunċettwali, mibnija jew fiżiċi. L-Ewropa hija ċentrali fid-dibattiti li għaddejjin dwar il-migrazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, minn naħa, u s-sovranità nazzjonali u l-protezzjoniżmu, min-naħa l-oħra. Hija meqjusa kemm bħala rifuġju tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll bħala fortizza krudili. L-avvenimenti kulturali, l-isport, il-festivals u l-fieri għandhom l-għan li jirriflettu soċjetà ideali, u b'hekk jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-aspetti soċjali, kulturali, ekonomiċi u privati tal-identità Ewropea.
Attiviżmu u protesti teżamina kartelluni ta' ribelljoni bħala l-mezzi ideali għar-rivendikazzjonijiet politiċi u xhieda prezzjuża tal-ġlieda favur id-drittijiet tal-bniedem. Il-kuntrast kumpless ta' rivendikazzjonijiet politiċi, kunflitti ta' interess u ideat ta' ekwità dejjem aktar differenti fl-Ewropa ta' wara l-gwerra hija r-riżultat tal-pluraliżmu u l-polarizzazzjoni li teżisti fis-soċjetajiet moderni.
L-aħħar taqsima tal-wirja ġġib l-isem Wara l-kartellun? u tistaqsi dwar ir-rwol tal-kartelluni issa u fil-futur. Minkejja l-avvanzi diġitali tas-seklu 21, il-kartelluni għadhom jintużaw biex jinfluwenzaw l-imġiba u l-alleanzi tagħna. Din it-taqsima tinkludi xogħlijiet tal-arti, għax l-arti sikwit tħeġġiġna nirriflettu dwar l-eżistenza tagħna u l-ambjent li ngħixu fih.
Introduzzjoni
Taqlib u għaqda
Ostakli u konnessjonijiet
Attiviżmu u protesti
Wara l-kartellun?
X'hemm x'titgħallem
Il-kartelluni jservu ta' mezzi ta' informazzjoni, iżda anke ta' edukazzjoni u saħansitra manipulazzjoni. Jirriflettu t-taqbidiet tas-soċjetà għall-ideat, il-poter jew il-ġid u jagħtu vuċi qawwija liċ-ċittadini dwar kwistjonijiet soċjali, kulturali u politiċi differenti. Fi kliem ieħor, il-kartelluni jistgħu jkunu aġenti u xhieda tal-konfrontazzjonijiet ideoloġiċi fl-istorja tal-Ewropa, billi jirriflettu s-sitwazzjoni tal-mument u joffrulna ġabra rikka ta' stejjer Ewropej. Għalhekk, is-suġġett huwa għodda xierqa kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-istudenti żgħażagħ biex jissaħħaħ il-litteriżmu medjatiku, u jgħin biex tiġi esplorata l-evoluzzjoni storika tal-isfera pubblika Ewropea.
Il-programm ta' When Walls Talk għandu l-għan li jipprovdi interazzjoni sinifikanti mal-udjenza u komponenti ta' tagħlim b'saħħithom li jgħinu lill-viżitaturi jikkuntestwalizzaw dawn il-kartelluni. Mill-idea tal-kartellun sal-impatt tiegħu, x'kien il-kuntest storiku tal-kartellun? Min ipproduċih? Għal min kien maħsub? Dan il-programm se jkun spazju għall-udjenzi biex jużaw multipliċità ta' stili u perspettivi ta' tagħlim. F'termini ta' żoni interattivi speċifiċi, il-wirja se tinkludi:
"Ejja niddisinjaw kartellun flimkien!" tistieden lill-viżitaturi joħolqu l-kartellun tagħhom permezz ta' frammenti viżwali minn xi kartelluni fil-wirja, joħolqu slogans oriġinali u jsegwu r-regoli tad-disinn għal kartellun b'saħħtu, lest biex jintwera fuq skrin fil-wirja.
"Sib ir-rabtiet!" – Il-viżitaturi jingħataw l-isfida li jikkuntestwalizzaw xi kartelluni li jkunu għadhom kif raw fil-wirja. Jintalbu jorbtu kartellun mal-immaġni storika korretta li tirrappreżenta l-kuntest, il-produttur jew l-udjenza intenzjonata tiegħu – vjaġġ pjaċevoli fiż-żarbun ta' storiku.
"Il-ħitan jitkellmu... u int, x'għandek xi tgħid?" jintroduċi lill-iskejjel primarji għall-aktar mumenti importanti fl-istorja tal-Ewropa. Tiġi indirizzata wkoll il-mistoqsija dwar jekk tistax tafda l-istampa mogħtija minn kartellun, u b'hekk l-istudenti jingħataw l-għodod biex janalizzaw kwalunkwe immaġni mill-passat. L-istudenti tal-iskejjel sekondarji jkollhom il-possibbiltà li jitgħallmu dwar l-istorja tal-Ewropa permezz ta' kartelluni li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, l-elezzjonijiet Ewropej, il-kunflitti, kif ukoll avvenimenti kulturali u sportivi.