IL-BINJA
Dar l-Istorja Ewropea tinsab fil-binja Eastman, f'Parc Léopold – fil-qalba tal-kwartier Ewropew fi Brussell. Dan il-park ta' madwar 90 tomna nfetaħ għall-pubbliku fl-1880 fil-post fejn qabel kien hemm il-Ġnien Żooloġiku Rjali.
Il-binja Eastman kienet iffinanzjata b'donazzjoni li għamel fl-1931 George Eastman, negozjant u filantropu Amerikan li kien ivvinta l-kamera Kodak. Kienet intiża biex tospita klinika dentali għat-tfal żvantaġġati. Il-kostruzzjoni seħħet fl-1934-35, immexxija mill-arkitett Żvizzeru Michel Polak. Il-binja ġiet akkwistata mill-Parlament Ewropew fl-2008 permezz ta' kirja fit-tul ta' 99 sena.
Wara konkors internazzjonali tal-arkitettura, il-kuntratt għar-rinnovazzjoni ġie aġġudikat lill-grupp arkitettoniku Atelier d'architecture Chaix & Morel & associés, Franza, JSWD Architekten, il-Ġermanja, u TPF, il-Belġju.
Dawn iddisinjaw estensjoni kontemporanja u rrinnovaw il-binja filwaqt li żammew l-estetika storika tagħha. Speċifikament, ir-rinnovazzjoni kienet tinvolvi l-bini ta' estensjoni fuq l-ispazju tal-bitħa, li ġiet magħluqa minn tliet naħat, u biż-żieda ta' tliet sulari mal-binja eżistenti.
Dan ipprovda 4 000 m² ta' spazju għal wirja permanenti u 800 m² ta' spazju għal wirjiet temporanji, kif ukoll sala tal-avvenimenti li tesa' 100 ruħ.
Ir-restawr tas-sala ta' stennija tat-tfal

Is-sala oriġinali tal-binja Eastman fejn it-tfal kienu jistennew biex jidħlu għand id-dentist kienet ġiet iddisinjata b'mod li tiġbed lit-tfal, permezz ta' pitturi mlewna ta' annimali mill-ħrejjef tal-awtur Franċiż Jean de la Fontaine.
Il-kompożizzjoni ta' għaxar pitturi ħoloqha fl-1935 l-artist Belġjan Camille Barthélémy (1890–1961), bl-użu ta' żebgħa taż-żejt fuq 78 m² ta' drapp imsaħħaħ permezz ta' kolla tal-lamtu. Barthélémy kien mir-reġjun ta' Gaume fil-Belġju u studja fl-Akkademja Rjali tal-Arti fi Brussell.
Il-pitturi issa ġew restawrati bir-reqqa, u huma esibiti f'dik li qabel kienet is-sala ta' stennija, għall-viżitaturi ta' Dar l-Istorja Ewropea.
Links siewja
Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-binja Eastman u l-kostruzzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea, jekk jogħġbok ara d-dokumenti ta' hawn taħt, li huma disponibbli b'sa 24 lingwa.